Storika

Konferenza Juann Mamo… storika!

Giuseppe Schembri Bonaci

Artiklu li deher fil-gazzetta It-Torċa tas-17 ta’ Novembru 2013

IMG_7068

Dr Giuseppe Schembri Bonaci

Is-Sibt, 26 ta’ Ottubru fil-Valletta Campus assistejna għall-konferenza li jien inqisha storika – ‘Konferenza Juann Mamo’. Inqisha storika għal ħafna raġunijiet. Id-Dipartiment tal-Malti, l-Università ta’ Malta rnexxielu jgħaqqad pluralità ta’ mħuħ minn sferi ta’ riċerka differenti biex dawn jibdew, għalenija u gradwalment, studju profond fuq ix-xogħlijiet ta’ Juann Mamo.

Dan huwa l-istess kittieb li sa ftit ilu l-istess Prof. Peter Serracino Inglott, minħabba aġenda politika li kellu, kien jikkunsidrah bħala kittieb sekondarju u medjokri. Niftakar sew l-attakk politiċizzat kważi ‘infami’ li kien għamel fuq ix-xogħol ta’ riċerka tiegħi li kien jirrigwarda x-xogħol artistiku ta’ Emvin Cremona. Fl-introduzzjoni tiegħi għal din ir-riċerka dwar l-artist Malti jien ġbidt linja komparattiva u insistejt kemm il-letteratura Maltija kienet ferm ħarbet ’il quddiem fl-idjoma modernista u ħalliet l-arti viżiva, fosthom ix-xogħlijiet ta’ Cremona, ’il bogħod ferm. L-attakk ta’ Fr Peter kien vjolenti li spiċċa biex jirredikola x-xogħlijiet ta’ Juann Mamo. Ir-risposta tiegħi ma kinitx anqas, iżda l-aħjar kienet meta jien aċċennajt li aħjar inħallu l-istorja tiġġudika l-‘assessment’ tiegħi. U komplejna bid-diskussjoni li baqgħet pjuttost ħarxa, u li fiha anke ħareġ jiddefendi t-teżi tiegħi, anke l-Prof Peter Mayo.

Ma kontx nemmen li l-istorja se tagħtini raġun daqshekk malajr.

Nhar is-Sibt li għadda, kif semmejt, id-Dipartiment tal-Malti kellu l-ħila jgħaqqad mħuħ minn sferi differenti:  il-kumplessità tal-personalità letterarja ta’ Juann Mamo kienet iċ-ċentru tad-diskussjoni bejn il-Prof Oliver Friggieri, Dr Adrian Grima, Dr Immanuel Mifsud (li għadu kif kellu avveniment ieħor importanti f’Għajnsielem, Għawdex), u Anna Borg Cardona li studjat l-għana u l-mużika fix-xogħlijiet ta’ Mamo.

Saturnina Tonna (it-tifla ta’ Mamo), Annalise Vassallo u  Dr Mario Cassar tkellmu fuq il-poeżiji ta’ Juann Mamo, filwaqt li l-Prof Manwel Mifsud, Clifford Jo Zahra, Dr Michael Spagnol, Dr Albert Gatt u Prof Albert Borg daħlu f’dettall profond fil-lingwa tal-kittieb Malti. Jekk m’iniex sejjer żball dan it-tip ta’ studju u riċerka ma sarx qabel. Lara-Marie Cilia, Dr Bernard Micallef, Prof Ivan Callus tkellmu mbagħad fuq Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka u hawn il-konferenza laħqet tista’ tgħid il-‘climax’ tagħha. Il-‘papers’ kollha kienu eċċitanti u provokattivi fl-argumenti tagħhom. Imma nispera li jaħfruli l-organizzaturi jekk għalija personali l-kritika u l-kontribuzzjoni ta’ Ivan Callus, il-Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż kienet unika kif poġġa lil Mamo fin-niċċa internazzjonali tal-moderniżmu tal-bidu tas-seklu 20. Ivan Callus (li l-attivitajiet tiegħu fi ħdan l-Università jixirqilhom ukoll serje ta’ artikli għalihom) ikkonċentra fuq aspett integrali tal-moderniżmu, jiġifieri ‘dak li ma jinqarax’. Il-Professur tad-Dipartiment tal-Ingliż irnexxielu jpoġġi x-xogħol ta’ Mamo fin-niċċa  tal-moderniżmu anke alternattiv u r-relazzjoni ma’ dan ta’ Juann Mamo. Din il-‘paper’ kienet, tista’ tgħid, anke komplimentarja għal dik ta’ qabel, ta’ Dr Bernard Micallef, li studja r-rwol tan-narratur meta dan ma jirrakkontax. Iż-żewġ kontribuzzjonijiet juru r-rwol ferm modernista tal-awtur Dimechjan Malti. Waqt li kont qed nikkontempla fuq dan is-suġġett interessanti, dan tal-aħħar ġegħelni niftakar f’legami intriganti li għandha tkun studjata – dik ta’ bejn Mamo u Pasolini, Fellini u saħansitra Totò, barra dik ma’ Grapes of Wrath ta’ John Steinbeck (1939). Fid-diskussjoni li nqalgħet ippruvajt niddiskuti mal-Prof. Ivan Callus, għax nemmen ħafna li r-realtà ‘ta’ dak li ma jinqarax’ (unreadability) hija wkoll forma ta’ kif klassi dominanti tisforza lill-bqija biex kotba bħal dawn ma jinqrawx, jitnesew u ġġegħelna nemmnu li m’għandniex bżonn dan ‘l-għerf’. Fi kliem ieħor, minbarra s-sens profond ta’ ‘unreadability’, hemm ukoll il-kuntest soċjoklassista, jiġifieri hemm interess soċjali biex kotba kapolavuri bħal dawn ma jidħlux fil-kuxjenza kollettiva ta’ poplu.

Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, minbarra li hu dak li qed ikun studjat, huwa forma ta’ arti sovverżiva. Mamo juża d-djalett kif jagħmel Pasolini u għall-iskopijiet klassisti kif jagħmel Dario Fo u l-varjazzjonijiet tiegħu ta’ Ruzzante. Fil-fatt nistgħu niddefinixxu dan ix-xogħol bhala ‘gjullarata moderna’. Fl-istess ħin, Mamo qed jagħtina stampa oħra tal-klassi tal-ħaddiem u bdiewa ‘baxxi’. Qed jikkontesta radikalment ix-xbieha idealista-konformista li kien qed jagħmel kontemporanju tiegħu fil-pittura, Edward Caruana Dingli, u fil-poeżija, Dun Karm. Le, Mamo qed jgħidilna li l-klassi dominanti qiegħda tilloppja poplu sħiħ bi xbihat ‘giddibin’ tal-qagħda soċjali. U b’hekk fi ħsieb Mamo jirbaħ id-djalett, iż-żuffjettar, anke r-redikolaġni tal-klassi l-‘baxxa’. Però dan jagħmlu mhux bħala għadu, iżda għall-kuntrarju, jagħmlu bħala azzjoni Bakhtinjana ta’ sovverżjoni. Il-ħsieb dominanti tal-klassi dominanti jagħmi jkun irid, jaħbi u jnessi r-realtà ‘l-baxxa’, għax jekk jagħmiha, il-baxx ma jibqax jemmen fis-sitwazzjoni mwiegħra li qed jgħix fiha. Jibqa’ fid-dlam. Min-naħa l-oħra, jekk isir konxju li hu sfruttat, allura minn dan ibża’.

U b’hekk inqatel Juann Mamo.

Patri Lawrenz E. Attard tkellem b’mod soċjalment b’saħħtu meta analizza s-sitwazzjoni tal-emigrant Malti bejn l-1918 u l-1930, u dan anke fil-ħsieb ta’ Juann Mamo. Dr Charles Scerri ta rendikont ferm sabiħ, eċċitanti, fuq l-univers mediku-xjentifiku ta’ żmien Mamo. L-istess l-inġinier John C. Betts poġġa x-xogħol ta’ Mamo f’kuntest storiku ta’ importanza kbira – il-fabbrika, jew ‘il-frabka,’ fi kliem ieħor fil-proċess tal-globalizzazzjoni industrijali u teknoloġika. U hawn Mamo jerġa’ jinfired mir-romantiċiżmu Dunkarmjan u ta’ Caruana Dingli. Kien konxju li l-klassi tal-ħaddiem ma tridx tibgħatha lura f’arkaiżmu rurali fejn se tibqa’ tkun eternament u fewdalment sfruttata, imma għandha bżonn tinxeħet lejn futur ieħor. Dan ikun futur li permezz ta’ industrijalizzazzjoni, il-ħaddiem joħroġ mill-madmad tal-injoranza, biex b’hekk ikun jista’ jsib pożizzjoni u status ta’ rebbieħ. Ikun ukoll studju intriganti li kieku xi ħadd jara relazzjoni importanti bejn Mamo u l-pittura Maltija, partikolarment dik ta’ George Preca. Nista’ ninkludi wkoll f’din l-istampa x-xogħlijiet ta’ Victor Diacono li sfortunatament iżda donnhom baqgħu fuq livell pjuttost ‘folkloristiku’, differenti ħafna mill-protesta espressiva mill-qiegħ ta’ Mamo. B’hekk naraw kif b’mod sabiħ kellna artisti minn kampijiet differenti qegħdin jagħtu analiżi Mamoeska tas-soċjetà Maltija.

Il-Prof. Raymond Mangion mill-Fakultà tal-Liġi tana rendikont ferm sabiħ, storiku-personali tal-legami li jeżistu bejn il-personaġġi tal-ktieb ta’ Mamo u l-personaġġi reali li kienu fil-fatt jeżistu.
Flimkien ma’ dan, waqt il-konferenza tnediet edizzjoni ġdida ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika, din id-darba flimkien ma’ analiżi ta’ Annalise Vassallo fuq il-poeżiji tal-kittieb. Anton Cassar, Olivia Borg u Adrian Grima għamlu wkoll biċċa xogħol importanti u li ilna nistennewha fuq riċerka tal-personaġġi fir-rumanz ta’ Mamo.

Minbarra l-ħtieġa ta’ dan l-avveniment fi żmien propizju, minbarra l-importanza tar-riċerka akkademika, għandhom ikunu inklużi wkoll il-movimenti artistiċi li kienu qegħdin joffru alternattiva serja, ġdida u modernista fl-iżvilupp artistiku ta’ pajjiżna u allura anke fl-evoluzzjoni tal-identità tagħna. Fl-istess żmien, forsi ftit ġimgħat ilu kellna wkoll ix-xogħol sinfoniku ta’ Karl Fiorini fuq poeżiji ta’ Manwel Dimech.

Id-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti paralellament ma’ dan kollu organizza wkoll konferenza fuq il-pittur Julian Trevelyan. Din kienet tikkonsisti wkoll fi tnedija ta’ ktieb dwaru miktub mit-tifel tiegħu Philip. Trevelyan huwa artist li kellu rabta integrali ma’ Malta u l-Mediterran u anke rabta importanti mal-pajsaġġ Malti, kemm dak rurali kif ukoll urban. Dan kien ukoll ‘sfida’ għall-impressjoni idillika-arkajka li jagħtuna sezzjoni mill-klassiċi Maltin. Parti mill-mużajk b’kuluri differenti kienet konferenza oħra li saret b’suċċess kbir ukoll mid-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti: din id-darba din kienet tikkonċerna riċerka dwar it-tema tal-mewt u l-arti. Din saret fil-Knisja Santa Katerina fil-belt Valletta. Din storja oħra li għandha tkun tema ta’ artiklu ieħor.
Nemmen ħafna li dawn il-konferenzi għandhom jieħdu forma ta’ konferenzi annwali biex ir-riċerka tkompli tiffjorixxi.

Insejt naċċenna għall-fatt li dawn huma konferenzi pubbliċi u hija ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir li għalkemm huma kollha konferenzi akkademiċi, il-pubbliku qed jikkonkorri tista’ tgħid anke massivament, ħaġa li dejjem qiegħda tistupixxi l-organizzaturi universitarji. Malta tinsab għaddejja minn taqlib li m’aħniex nindunaw bih.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s