It-Taħditiet

Dan li ġej huwa tagħrif dwar it-taħditiet li se jsiru fil-Konferenza Juann Mamo tas-26 ta’ Ottubru 2013:

  • Lawrenz E. Attard, L-Emigrant Malti bejn l-1918 u l-1930 fil-Ħsieb ta’ Juann Mamo
  • Evarist Bartolo, Xi d-dinja għandu x’jgħidilna Mamo llum?
  • John C. Betts, Il-Frabka tan-Nanna Venut
  • Anna Borg Cardona, It-tradizzjoni tal-għana u d-daqq ta’ strumenti  fix-xogħlijiet ta’ Juann Mamo
  • Ivan Callus, Ġrajja Kritika: Juann Mamo u dak li ma jinqarax
  • Lara-Marie Cilia, It-Tip Uman ta’ Mamo
  • Oliver Friggieri, Juann Mamo: Ir-Rumanz bħala Proposta Soċjali
  • Albert Gatt, Juann Mamo (in)traduċibbli: Noti fuq il-kirurġija plastika u l-letteratura
  • Adrian Grima, L-Estasi tal-Oratorija
  • Raymond Mangion, Flien minn ta’ Mamo
  • Bernard Micallef, Fejn in-Narratur ta’ Mamo ma Jirrakkontax
  • Immanuel Mifsud, Fiċ-Ċingrufù
  • Manwel Mifsud, Mamo le. 
  • Charles Scerri, Juann Mamo u l-univers mediku-xjentifiku ta’ żmienu
  • Michael Spagnol, Id-dritt li tgħawweġ: Mamo u d-djalett
  • Annalise Vassallo, Ġabra u Analiżi Kritika tax-Xogħlijiet Poetiċi ta’ Juann Mamo
  • Clifford Jo Żahra, Juann Mamo: Lessikografu u Ħallieq

__________________

L-Emigrant Malti bejn l-1918 u l-1930 fil-Ħsieb ta’ Juann Mamo

P. Lawrenz E. Attard, O.P., espert dwar l-emigrazzjoni Maltija

lawrence-e-attardMeta Juann Mamo ħareġ bir-rumanz tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka kienu għaddew biss tnax-il sena minn tmiem il-Gwerra l-Kbira. Dan il-kunflitt ġab tibdil fundamentali fl-Ewropa. Mietu miljuni ta’ nies, fosthom għadd ta’ civili, kemm fuq il-fruntiera ta’ Franza kif ukoll fuq dik tar-Russja. Il-Kaiser mar fl-eżilju, il-Kżar tilef ħajtu, Vjenna u Kostantinopli tilfu l-imperi tagħhom. Mat-tmiem tal-Gwerra faqqgħet l-influwenza Spanjola li qerdet bosta ħajjiet. Miljuni ta’ refuġjati u emigranti telqu mill-Ewropa bit-tama ta’ ħajja ġdida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Fl-1929 ġiet id-Depression li ġabet magħha qgħad u tbatija, l-aktar fost il-klassi tal-ħaddiema. Dan l-inkwiet inħass f’Malta wkoll. Saru dimostrazzjonijiet fit-Tarzna fl-1917 u fil-Belt, sentejn wara, tilfu ħajjithom patrijotti Maltin li ħaduha kontra t-tmexxija kolonjali. Kien hemm ukoll inkwiet politiku għax il-Maltin talbu sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżhom. Ħafna kienu bla skola u bla flus. L-unika soluzzjoni li kellu quddiemu l-poplu kienet li jemigra. Ħafna telqu lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, imma ftit kienu dawk li kellhom xi tħejjija għall-ħajja ’l bogħod minn xtutna. Fil-parti l-kbira kienu rġiel bla sengħa, bla skola u bla flus. Jekk f’pajjiżhom kienu jgħixu fil-miżerja, għall-ewwel snin tagħhom fl-Amerika għaddew minn tbatija kbira. Ma kellhom lil ħadd jaqbeż għalihom. Il-kitba ta’ Juann Mamo mhix biss mezz biex l-awtur juri minn xiex kienu jgħaddu “ulied il-kastig,” imma hija wkoll għajta biex l-awtoritajiet iqumu min-ngħas tagħhom u jgħinu lil min kien batut. Is-simpatija ta’ Mamo hija ma’ dawk li la kellhom saħħa u lanqas poter.

__________________

Il-Frabka tan-Nanna Venut

Dr Ing. John. C. Betts, Dekan, Fakultà tal-Inġinerija

john-c-bettsL-inġinerija hi l-applikazzjoni tax-xjenza, u m’hawnx applikazzjoni iktar intensa mill-industrija. L-industrija ġġib ix-xogħol, u fejn ma jkunx hemm xogħol in-nies jew jemigraw, jew ibatu l-faqar, jekk mhux il-ġuħ. Ulied in-Nanna Venut għażlu li jfittxu refuġju ekonomiku billi jmorru jfittxu xogħol fl-industriji tal-Amerka.

Juann Mamo ma kienx kuntent b’li jħalli x-xjenza mistura f’dan l-isfond ta’ kawża għall-avventuri tal-protagonsti: ix-xewqa li Malta jkollha industrija li tħaddimhom għandha leħen, u tfeġġ ftit tal-għira għall-Amerka, fejn il-personaġġi jsibu xogħol fl-industrija. Il-ħolma li jistagħnew tibqa’ ħajja biss sakemm jibqgħu f’dan l-impjieg. Hemm ukoll it-tama li x-xogħol lill-eroj jagħtihom dinjità. Girgor, wieħed minnhom, li jitlef tluq il-bastiment minħabba l-festa, jiġi maqbud minn xagħru mhux mill-Mulej, iżda mit-teknoloġija, protagonista fil-bastimenti u ferroviji li minkejja l-bluha tiegħu xorta jkaxkruh l-Amerka, ’il bogħod mis-superstizzjoni u l-ħmerijiet.

U xorta mhux biżżejjed għal Juann Mamo, li jtella’ fuq il-palk lista ta’ persunaġġi fix-xjenza li jilħqu l-quċċata b’Edison innifsu u jżewwaq ir-rakkont bil-kbir Proġett Ebejer. Jekk Juann Mamo nqisuh l-awtur missier il-protagonisti, ix-xjenza, l-inġinerija u l-industrija kienu l-omm li welldithom, jew tal-anqas il-majjistra. Ulied in-Nanna u d-dinja tagħhom huma prodotti ta’ żmienhom, żmien it-tkattir tal-frott tax-xjenza, prodotti friski mill-“frabka.”

 __________________

It-tradizzjoni tal-għana u d-daqq ta’ strumenti  fix-xogħlijiet ta’ Juann Mamo

Anna Borg Cardona, riċerkatriċi u mużiċista

anna-borg-cardonaFir-rumanz u l-poeżija tiegħu, Juann Mamo joħloq karattri li qegħdin jgħixu l-ħajja sempliċi tagħhom ta’ kuljum u l-għana u d-daqq ta’ strumenti mużikali huma parti integrali minn ħajjithom. F’poeżija minnhom li nkitbet fl-1913, L-Ghannej Qormi u l-Għannej Żejtuni, Mamo jirnexxilu jdaħħalna fl-ispirtu tat-tradizzjoni Maltija tal-għana li kienet qawwija u tbaqbaq fil-bidu tas-seklu għoxrin. Jagħtina wkoll xi ħjiel interessanti fuq l-istrumenti li kienu qed jakkumpanjaw l-għana, u l-għażla ta’ melodiji f’dak iż-żmien. Insibu diversi karatteristiċi tal-għana u d-daqq, li xi wħud minnhom għadhom magħna u oħrajn tilfu xi ftit mill-importanza tagħhom tul is-snin. F’din it-taħdita nagħtu ħarsa lejn il-ħafna elementi tal-għana li joħorgu minn din il-kitba u naraw x’baqa’ minnhom illum, madwar mitt sena wara.

__________________

Ġrajja Kritika: Juann Mamo u dak li ma jinqarax

Prof. Ivan Callus, Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż 

ivan-callus_2013B’referenzi għal Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka u għal Ġrajja Maltija, dan l-intervent jevalwa l-implikazzjonijiet tax-xogħlijiet ta’ Mamo għal dawk li dan l-aħħar issejħu “moderniżmi alternattivi.” X’inhuma wħud mill-modi u l-aspetti alternattivi tal-kitbiet ta’ Mamo li jistgħu jinstigaw riflessjoni differenti mhux biss fl-isfond tal-istudju tal-letteratura Maltija, imma li anki joffru sfida importanti għall-kritika u t-teorija letterarja f’sens iktar wiesa’? X’inhuma r-raġunijiet – barra dawk ovvji tan-nuqqas ta’ traduzzjoni – li bilkemm ma jagħmlux lil Mamo inkonċepibbli għall-istess diskorsi kritiċi li l-iktar jidhru addattati biex jaqbduh u jfissruh adegwatament? B’hekk il-parti ċentrali tat-taħdita ddur fuq il-kunċett tal-“unreadable,” fit-tifsiriet kollha tiegħu: fi kliem ieħor, fuq dak li minħabba raġunijiet differenti ma jinqarax, mhux biss għax jista’ jkun impenjattiv jew enigmatiku, imma wkoll minħabba żewġ raġunijiet oħra li għandhom piż partikolari ħafna li jitlob analiżi xierqa. L-ewwel raġuni tinvolvi xkiel għall-qari li għandu x’jaqsam ma’ element ta’ estetika speċifika, maħsuba, u li nistgħu nafu bil-quddiem li qatt ma tista’ tkun mifhuma kompletament. S’hemmhekk, mhux ser inkunu skoprejna xejn ta’ barra minn hawn. Xejn li ma konniex forsi antiċipajna. It-tieni raġuni, daqsxejn iktar skonvolġenti, hija li l-qawwa tax-xogħol ta’ Mamo tinsab fil-potenzjal tiegħu għal forma ta’ unreadability totali, b’mod li l-kritika tista’ ssib ruħha magħluqa barra għal dejjem quddiemu. Jekk dan veru huwa minnu (kwistjoni li t-taħdita tindirizza biex tara jekk diskors bħal dan huwiex iperboliku), ikun ifisser li jkun instab li t-teorija letterarja għandha, f’Mamo, mument ta’ ridefinizzjoni u riskoperta tagħha nfisha: mument li, madankollu, aktarx jintilef għax dak li ma jinqarax ifixkel dak kollu li jipprova jilqgħu. B’hekk, dak li ma jinqarax huwa kemm is-saħħa u s-saħta ta’ Mamo. Is-saħħa tibqa’ ta’ Mamo, imma s-saħta taqa’ fuq it-teorija letterarja wkoll. Il-ġrajja kritika żvelata hawnhekk, għaldaqstant, hija ġrajja li tmur lil hinn mil-letteratura Maltija u twassal biex jinftiehem aħjar kif il-fetħiet tat-teorija letterarja jistgħu jibqgħu magħluqin għal dak li ma jinqarax: sewwasew dak li, fl-istess ħin, jaqrahom tajjeb u bil-quddiem.

__________________

It-Tip Uman ta’ Mamo

Lara-Marie Cilia, studenta tal-Masters, Dipartiment tal-Malti

lara-marie-ciliaIl-karattri ta’ Mamo huma invarjabbilment ċatti, allegoriċi, prevedibbli, issatirizzati u stereotipati bħala rappreżentazzjonijiet tat-tipi ġenerali tal-umanità li bejn wieħed u ieħor jiffurmaw kategoriji fissi tal-provinċja Maltija. Kemm ir-rumanz kif ukoll in-novelli jikkreaw xena mlewna fis-sens figurattiv ta’ tiżwiqa kkulurita ta’ atteġġjamenti redikoli, manuvri kaotiċi u deskrizzjonijiet esaġerati tal-karattri provinċjali. Fosthom insibu l-kapaċitajiet vasti tal-karattri f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka: “ngħanni b’vuċi sabiħa” (Bertu); nagħmel il-bigilla” (Kalanġ); “insewwi u nraqqa’” (Marì); u “nifhem fir-riħa tal-bakkaljaw” (Rużarja); u l-karatteristiċi fiżiċi flimkien mal-għemejjel esterni fin-novella “Xeni tal-Għada ta’ Santa Marija”: Ġannikol kollu għaraq, jonfoħ bla nifs, “sidru miftuħ beraħ jidhirlu mħabbel;” Girgor liebes kappell tal-festa, b’qalziet imxammar, bil-ġlekk fuq driegħu, b’qorqa waħda u “miexi bil-qawwi, mgħobbi;” Ketrinu mgħakkes iżomm il-flus sew biex ma jaħarbulux; Ġamri sejjer bil-ġiri bla nifs b’tagħbija tqila; u Nardu ta’ Qrempuċa li għandu “mnieħru lanġasa, ġbinu lagħqiet il-baqra,” b’mustaċċi qishom xkupa, b’misluta f’widintu u b’ħorġa fuq spalltu. X’għandhom jagħmlu l-qarrejja meta jaqraw dawn il-karatteristiċi tipiċi, jidħqu jew jibku?

 __________________

Juann Mamo: Ir-Rumanz bħala Proposta Soċjali

Prof. Oliver Friggieri,  Dipartiment tal-Malti

oliver_friggieriMalta li toħroġ mir-rumanz u minn għadd ta’ kitbiet oħrajn ta’ Juann Mamo hi gżira magħluqa fiha nnifisha, imgħaddsa fil-“privileġġ” tal-injuranza, fil-faqar u fl-inġustizzji. It-tliet xejriet kważi huma meqjusin bħala varjazzjonijiet ta’ ħaġa waħda, bħallikieku qawwa kbira ta’ aljenazzjoni ħakmet fuq il-kolonja Maltija u laqtet kemm lill-klassi li tmexxi u kemm lill-klassi li titmexxa, il-bqija tal-popolazzjoni. F’nofs iż-żewġ naħiet, it-tnejn ikkundannati bl-aħrax b’mod jew b’ieħor, Mamo jippreżenta ruħu bħala l-ħassieb imdawwal li qiegħed jara l-kriżi daqskemm it-triq imbiegħda tas-soluzzjoni.

__________________

Juann Mamo (in)traduċibbli: Noti fuq il-kirurġija plastika u l-letteratura

Dr Albert Gatt, Direttur, L-Istitut tal-Lingwistika fl-Università ta’ Malta

Albert-GattHemm ċerti xogħlijiet letterarji li jqanqlu fil-qarrejja tagħhom l-intuwizzjoni li huma “intraduċibbli.” Din l-idea spiss tkun imsejsa fuq waħda minn żewġ osservazzjonijiet li huma marbuta ma’ xulxin:

Minn banda, xogħol ġieli jingħad li għandu għeruq fondi wisq f’realtà (ħafna drabi storika) lokali, u għaldaqstant it-traduzzjoni twassal għal prodott b’wiċċ ġdid li ma jingħarafx, jew mill-qarrejja oriġinali tiegħu, jew inkella mill-qarrejja tiegħu fl-ilsien li fih ġie tradott.

Mill-banda l-oħra, ġieli jingħad li r-rabta bejn ix-xogħol letterarju u l-ilsien li fih (u bih) issawwar tant hija fundamentali li kwalunkwe proċess ta’ traduzzjoni se jiltaqa’ ma’ ostakli insormontabbli u x-xogħol letterarju jitlef il-ħajja tiegħu fl-operazzjoni, li trid bilfors tinvolvi bidla mhux biss superfiċjali, imma saħansitra fil-ġewwieni – forsi  anka fir-‘ruħ’ – tax-xogħol.

Dawn l-intuwizzjonijiet x’aktarx jinbtu, fost l-oħrajn, minn sentiment ta’ pussess li jħoss qarrej lejn xogħol letterarju, sentiment li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi għall-immaġinarju ta’ komunità esklussiva li tagħha l-qarrej huwa membru, komunità li l-fruntieri tagħha huma (wkoll) il-fruntieri tal-ilsien.

Minkejja li dawn l-intuwizzjonijiet huma b’saħħithom, u minkejja li huma ta’ interess teoretiku kbir, il-kunsens fil-prattika huwa differenti. Hemm diversi xogħlijiet li huma ‘intraduċibbli’ – mill-Koran, sal-poeżija ta’ Mallarmé u l-Finnegans Wake ta’ James Joyce – u li ġew tradotti għal bosta lingwi. Realtà paradossali li fiha nnifisha ma tixhedx favur it-traduċibbiltà ta’ dawn ix-xogħlijiet (wisq probabbli, Mallarmé, bħal kull awtur ieħor, huwa intraduċibbli, almenu f’ċertu sens tal-kelma) imma li forsi tistieden reviżjoni tal-idea tat-traduzzjoni li, bħall-kirurġija plastika, mhijiex sempliċiment proċess ta’ tibdil superfiċjali li jħalli xi ġewwieni sħiħ, intatt.

Fil-kuntest Malti, Juann Mamo huwa forsi l-iktar każ prominenti ta’ awtur li xogħlu jitqies intraduċibbli, minħabba l-lingwaġġ vernakulari li uża, minħabba l-persunaġġi “Maltin għall-aħħar” li jimirħu fin-narrattiva tiegħu, minħabba l-isfond storiku ta’ xogħol bħal Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka. F’dan il-kontribut, nixtieq nirrifletti ftit dwar xi tfisser il-frażi “traduzzjoni ta’…,” speċifikament fil-kuntest ta’ ħidma għaddejja fuq traduzzjoni tar-rumanz ta’ Mamo.

__________________

L-Estasi tal-Oratorija

Dr Adrian Grima, Dipartiment tal-Malti

adrian-grima_san-anton_ruzar-briffa_3.6-13_izgharMinkejja li Mamo, bħal Cervantes, jikkritika lil awturi oħrajn li kienu qed jużaw lingwa stilizzata, maħluqa apposta, kien konxju wkoll li anki r-rakkont tiegħu huwa ħolqien tiegħu, avolja “b’dak l-ilsien kif jitkellem il-poplu llum.” U timmaġinah jerġa’ jaqra dak li jkun għadu kemm kiteb u jissaħħar bil-lingwa mhux tas-soltu li jkun ħoloq. Huwa minnu li l-ġdid li jikkrea huwa mnebbaħ, konxjament, mit-taħdit ta’ kuljum tal-poplu, imma dan it-taħdit l-awtur jagħġnu mill-ġdid f’nisġa maħsuba u magħquda biex joħloq minnu effetti narrattivi ġodda. Mamo huwa dejjem konxju tal-att letterarju bħala fabbrikazzjoni, u regolarment jgħaddi kummenti fuq il-mod kif qed jikteb. Uħud mill-iktar mumenti ironiċi u divertenti jaslu meta jgħaddi l-kummenti metanarrattivi tiegħu li għandhom il-ħila mqarba li jinstemgħu spontanji u innoċenti. Il-lingwa letterarja tal-luċi-u-tniebri li jattakka Mamo hija artifiċjali, imma tiegħu mhix ħielsa mill-ħafna soda tal-awtur lanqas. Kultant, però, l-awtur jisħon wisq, jinestasi, u minflok jidderieġi n-narrazzjoni bl-għaqal imqareb tiegħu, in-narrazzjoni tiġri bih. Dawn aktarx huma l-iktar mumenti meta jwettaq għalkollox il-wegħda solenni li “l-ħsieb” tiegħu jkun “magħmul biss għall-ġid u x-xalar fil-ħsus ta’ dehen il-qarrejja.”

__________________

Flien minn ta’ Mamo

Prof. Raymond Mangion, Kap tad-Dipartiment, Storja u Metodoloġija Legali, Fakultà tal-Liġi

Ir-rumanz ta’ Juann Mamo jirreferi għal għadd kbir ta’ personaġġi veri li għexu fi żmienu, fost l-oħrajn fl-inħawi tal-Ħamrun u l-Marsa fejn kien jgħix u jaħdem u jitkellem ma’ nies tal-post. Wieħed minn dawn il-karattri huwa, kif jiddeskrivih ir-rumanz stess, Wenzu Mallia tal-Ħamrun, magħruf bħala ta’ Lapura, “Imqabbi, li jrid joħroġ kandidat mal-Ħaddiema.” Wenzu Mallia twieled l-Imqabba fis-26 ta’ Awwissu tal-1885 u kien jaħdem bħala infermier mad-Dipartiment tas-Saħħa. Mallia organizza l-infermiera f’union u ħadem ħafna biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tagħhom u jgħolli l-livell tal-professjoni tagħhom. Mallia, flimkien ma’ Karmnu Zammit, kien jagħmel il-meetings fil-Ħamrun, il-Marsa, Raħal Ġdid, u Bormla. Din it-taħdita se tippreżenta profili ta’ personaġġi rappreżentattivi bħal Wenzu Mallia.

__________________

Fejn in-Narratur ta’ Mamo ma Jirrakkontax

Dr Bernard Micallef, Kap tad-Dipartiment tal-Malti

bernard-micallefMingħajr qtugħ mid-deskrizzjoni tal-imġiba tal-karattri, in-narratur ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka sikwit jibda jirreċta l-istess reġistru, l-istess sekwenza mgħaġġla ta’ esklamazzjonijiet popolari, l-istess superstizzjonijiet infundati, l-istess storbju, tinwiħ, u frattarija tal-ġemgħa provinċjali li suppost qiegħed josserva u jissatirizza minn distanza intellettwali. It-tendenza ta’ Ġwann Mamo biex iħalli l-leħen ta’ min qiegħed jirrakkonta jinħakem mid-drawwiet diskursivi tal-karattri rrakkuntati – bħallikieku huma l-ġesti u d-drawwiet diskursivi provinċjali li, bin-natura impulsiva u frattarjuża tagħhom, qegħdin iwettqu r-rakkont – tidher saħansitra fin-novelli tal-istess awtur. Din hija strateġija satirika, li tħallat il-ħila teatrali tan-narratur mal-ħila fundamentali tiegħu li jirrakkonta, strateġija li ċċajpar il-fruntiera bejn l-ispettaklu u l-ġrajja. Ir-riżultat huwa rakkont li jipproċedi bl-enerġija tal-manjieri vulgari u tal-istorbju tal-ġemgħa, assimilati mhux biss mil-leħen li jirrakkonta, iżda wkoll mill-qarrejja li jridu jiddrammatizzawhom biex iwettqu l-proċess tal-qari kif inhu offrut min-narratur. Iżda dan iġib miegħu konsegwenza oħra: in-narratur ta’ Mamo huwa l-aktar straordinarju u ambivalenti fejn ma jwettaqx il-funzjoni proprja li nħoloq għaliha (ir-rakkuntar), jiġifieri fejn jabbanduna r-rwol distintiv tiegħu biex jissieħeb mal-ġesti, mal-mentalità, u mar-reġistru rurali tal-karattri ssatirizzati. Xi jseħħ f’dawk il-waqtiet tar-rumanz meta n-narratur ma jirrakkontax? It-teknika li tipposponi r-rakkont mhix kapriċċ artistiku ta’ Mamo; hija mezz biex jinkiseb wieħed mill-paradossi tas-satira li jista’ jiġi spjegat hekk: jekk id-destinazzjoni tan-narratur satiriku hija r-raġuni u s-sens komun, it-triq għal din id-destinazzjoni hija l-imġiba irrazzjonali li fis-sew tingħata prijorità żuffjettuża minnu f’kull waqt. Hija din it-teknika paradossali ta’ spettaklu assurd li bih in-narratur irid jasal f’xi għamla ta’ razzjonalità li, kif se jargumenta dan id-diskors, għamlet lin-narratur ta’ Mamo uniku fil-letteratura Maltija. Biex din it-teknika tiġi żvelata, jeħtiġilna niffukaw fuq dawk il-partijiet tar-rumanz fejn in-narratur ma jirrakkontax, dawk il-partijiet li madanakollu huma komponent narrattiv seduċenti daqs il-ġrajja nnifisha.

__________________

Fiċ-Ċingrufù

Dr Immanuel Mifsud, Dipartiment tal-Malti

Immanuel Mifsud redKapitlu 39 ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, għandu t-titlu Fiċ-Ċingrufu” u fih Mamo jirrakkonta l-episodju ta’ Masu li jmur iċ-ċinema u jara dejjem l-istess film ripetutament. Waqt il-Konferenza Juann Mamo se mmorru aħna wkoll fiċ-ċingrufù biex b’siltiet qosra minn films (did-darba differenti) jitpoġġew f’kuntest usa’ tliet temi li joħorġu minn Ulied in-Nanna Venut: id-deċiżjoni (li tista’ tittieħed jew le) li wieħed jitlaq art twelidu u jmur f’pajjiż li dwaru ssawru ħafna miti; il-wasla ta’ vapuri sħaħ ta’ emigranti lejn New York – mument partikolari ħafna li diversi films ittrattawh (kuntrarju għal Mamo) b’mod poetiku ħafna; u r-riflessjoni – m’għandniex xi ngħidu satirika – li Mamo l-kittieb jagħmel dwar il-kitba u l-kittieba.
__________________

Mamo Le

Prof. Manwel Mifsud, mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u konsulent ewlieni tas-Sensiela Juann Mamo
manwelL-awturi li kkodifikaw u taw stil lill-ilsien Malti miktub kienu ġejjin l-aktar minn grupp żgħir ta’ nies li kellhom kultura usa’ mil-limiti ta’ dawn il-gżejjer. Kienu midħla tat-Taljan u tal-Latin, ilsna imponenti u portaturi ta’ kultura kbira. Meta ġew biex iħaddmu l-Malti bħala għodda letterarja, konxjament jew għax inġarru, fittxew mudell xieraq fit-Taljan, ilsien li fih kienu mkissrin sewwa u li wħud minnhom kienu jiktbu b’ħila.
Dan il-mudell barrani għall-Malti, ilsien b’għeruq u ritmi Semitiċi, ħakem il-livelli lingwistiċi kollha u influwenza l-għażliet għall-iżvilupp ta’ lsienna mill-għażla ta’ alfabett sal-ġeneri letterarji, mill-vokabolarju sal-istil. Il-Malti miktub tfassal fuq mudell aljen, filwaqt li bosta kwalitajiet nattivi u naturali tiegħu twarrbu għalkollox jew ġew relegati bħala elementi indenji tal-Malti tat-taħdit.F’din il-ktiba qed tintwera l-fehma li l-proposta ta’ Juann Mamo, u ta’ ftit oħrajn bħal Manwel Dimech u Dun Xand Cortis, fl-ewwel għexieren tas-seklu l-ieħor, ippruvat tiftaħ triq ġdida billi terġa’ tfittex u tħaddem dawk il-kwalitajiet li kienu (u forsi għadhom) ħajjin fuq fomm il-poplu li ppreservahom. Kien att ta’ fidi qawwi u tiftixa fil-ħila ta’ poplu li jiġġenera dak li jeħtieġ mir-riżorsi interni tiegħu. F’idejhom ilsien il-poplu – imqar jekk inkolt – isir riżors ewlieni għall-iżvilupp ta’ vokabolarju u għall-ħolqien ta’ djalettika li huma iktar awtentiċi, iktar demokratiċi, eqreb lejn il-poplu għax misluta minnu.Kos, mhux għaġeb li min jaqra dar-rumanz isib fih dik il-ma-nafx-xiex li tqiegħdu f’niċċa għalih.

__________________

Juann Mamo u l-univers mediku-xjentifiku ta’ żmienu

Dr Charles Scerri, Dipartiment tal-Patoloġija, Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija

charles-scerriJuann Mamo kellu biss erbatax-il sena meta d-dinja rat l-ewwel raġġi tas-seklu għoxrin. Kien żmien interessanti meta x-xjenza medika, imma mhux dik biss, bdiet tinqata’ kompletament mill-għajdut imsawwar mill-injuranza tal-kotra u l-ispjega u r-raguni kellhom sisien reliġjużi jew mitoloġici. Hija dinja li nqalbet ta’ taħt fuq bit-teoriji tal-evoluzzjoni mfassla minn Charles Darwin li għall-ewwel darba wera li l-ġenerazzjoni umana tmur lura għal mijiet ta’ eluf ta’ snin. Il-bniedem kien biss frott il-kambjament sottili minn forma għal oħra bbażata fuq il-liġi tan-natura li ma tħares lejn wiċċ ħadd ħlief dak tar-rebbieħ. Kien fl-aqwa tiegħu Mamo meta l-ispazju u ż-żmien tħalltu flimkien u l-atomu beda jiġi mifruq u studjat bir-reqqa. Kif juru kitbietu, Mamo ma setax ma jissaħħarx minn dan kollu. Għamel ħbieb ma’ dawn il-karattri li sejsulu ħsibijiet intellettwali u revoluzzjonarji. Il-ħila ta’ Mamo kienet dik li janalizza l-fatti mingħajr preġudizzju, jgħarrex l-ideat tiegħu u waqt li jagħġinhom fl-istorja ta’ niesu jinkileb dejjem għal aktar għarfien. Dawn l-attributi mhuma xejn għajr ġmamar li bih titkebbes ix-xjenza.

__________________

Id-dritt li tgħawweġ: Mamo u d-djalett

Dr Michael Spagnol, Dipartiment tal-Malti

michael-spagnolX’inhu d-djalett… għal Ċikku l-poplu, għal-lingwista u għall-kittieb? Għaliex kittieb jiftillu juża d-djalett? Kif jużah? Fejn ma jużahx? Min jitħaddet bid-djalett fil-kotba, in-narratur innifsu jew il-persunaġġi tiegħu? U f’ħalq liema persunaġġi jqiegħdu d-djalett? Il-qarrej kif jirreaġixxi għad-djalett? Id-djalett tista’ tiktbu bl-ortografija tal-istandard? Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li beħsiebni nqajjem f’din it-taħdita dwar l-użu tad-djalett f’Mamo u fil-letteratura, fis-sens wiesa’ tal-kelma, bit-tama li nsib tweġiba għal mistoqsija usa’: Jekk il-lingwistika tgħallima li kull min jitkellem lingwa, ikun jitkellem xi tip ta’ djalett ta’ dik il-lingwa, nistgħu “niktbu l-(veru) veru” jekk ma niktbuhx bid-djalett?

__________________

Ġabra u Analiżi Kritika tax-Xogħlijiet Poetiċi ta’ Juann Mamo

Annalise Vassallo, gradwata tal-Malti u kittieba ta’ teżi dwar Mamo

Annalise-VassalloFejn jidħlu l-poeżiji tiegħu ma jidhirx il-Juann Mamo ribelluż ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka u n-novelli jew tal-artikli. Flok Mamo d-dirett jew il-konfrontattiv jidher Mamo l-liriku, b’tama fil-ġejjieni. Minkejja din id-differenza fil-perspettiva fuq is-soċjetà Maltija, Mamo jqis l-imgħoddi bħala żmien li għadda u l-kitbiet tiegħu b’xi mod jew ieħor, iħeġġu lill-qarrejja sabiex jirriflettu fuq il-preżent, jemanċipaw ruħhom u jeqirdu d-dlam li tefgħethom fih is-sistema dominanti oppressiva. L-għalqa metaforika tax-xogħol poetiku ta’ Mamo tinvolvi primarjament id-dlam u d-dawl, kemm fil-poeżiji politiċi kif ukoll f’dawk reliġjużi. Għas-sejba tad-dawl, il-“pinna” hi arma li tagħmel differenza, kunċett li jidher sew fil-poeżiji u jitwettaq b’mod konkret fin-novelli, l-artikli u r-rumanz tiegħu. Minbarra l-poeżiji politiċi u dawk li jinvolvu t-twemmin reliġjuż, hemm ukoll dawk popolari, li tlieta fosthom huma għanjiet itwal mill-bqija tal-poeżiji u li Mamo ppubblikahom f’forma ta’ ktejjeb.

__________________

Juann Mamo: Lessikografu u Ħallieq

Clifford Jo Żahra, gradwat tal-Malti u kittieb ta’ teżi dwar Mamo

Clifford jo zahraDan l-istudju jistħarreġ x-xogħol ta’ Juann Mamo bħala lingwista f’żewġ oqsma ewlenin, il-lessikografija u l-ħolqien tal-ġdid. Mamo fittex li jaqbad ir-realtà ta’ madwaru fid-djalogar tal-karattri. Kien favur il-bilanċ ta’ bejn dak li huwa “safi” u dak li huwa “missellef.” Għalkemm ma kienx tal-fehma li kelma li ntesiet terġa’ tiddaħħal fil-Malti sempliċiment sabiex tingħata l-ħajja mill-ġdid, sa ċertu punt xorta waħda ried li jippreżerva l-lingwa. Hawn joħroġ Mamo l-ġabbar, il-lessikografu, li f’kitbietu jħalli dokument tal-lingwa ta’ żmienu, imma fl-istess ħin lemaħ fil-Malti l-materja prima meħtieġa sabiex jibqa’ jkun hemm it-tiġdid. Dan l-ilsien, mogħni b’xejriet morfoloġiċi u sintattiċi li jippermettulu jikber, ma għandux bżonn is-self kapriċċuż ta’ kliem barrani għax minnu nnifsu jista’ joħroġ b’espressjonijiet ġodda li jlaħħqu mal-iżviluppi taż-żmien.

Kif fittex li joħloq il-ġdid Mamo, u dan kif jorbot mal-kontribut tiegħu fil-perjodiku Il Bidui? X’kienet ir-reazzjoni ta’ dawk li kienu favur il-kultura twila tad-dominanza tal-ilsien Taljan f’Malta? X’forma ħadet l-oppożizzjoni li sab quddiemu? Kif kien jaħsibha dwar ir-raħli li jitkellem b’Malti mhux mittiefes minn indħil barrani? U mill-banda l-oħra, kif kien iħares lejn il-Malti msejken li pprova jaddatta lsienu għall-ħafna kliem Taljan li lanqas kien jaf kif għandu jlissnu għax qatt ma għallmuh? U x’kienet l-influwenza tiegħu fuq oħrajn li kienu jaħsbuha bħalu?

__________________

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s