Juann Mamo

Bijografija essenzjali

personaggi


 

Dawn huma siltiet mill-bijografija essenzjali miktuba minn Adrian Grima u ppubblikata fil-ktieb, Personaġġi f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo (SKS 2013), miktub minn Anton Cassar, Olivia Borg u Adrian Grima.

 

Il-Kburija ta’ Raġel Magħmul

Bijografija essenzjali ta’ Juann Mamo

Adrian Grima

 

Juann Mamo twieled Ħal Luqa fit-28 ta’ Settembru 1886 minn Pawlu Mamo u Marija Anna Camilleri, it-tnejn minn Ħal Luqa. Juann kien it-tielet wieħed fost ħames aħwa, l-ewwel fost is-subien, ilkoll imwelldin fl-istess raħal. L-ewwel twieldet Grazia fl-1883, fl-istess sena taż-żwieġ ta’ ommha u missierha, imbagħad Maria Carmela, fl-1885. Juan, li ngħata l-isem ta’ Joannes Baptista (l-ismijiet l-oħrajn tiegħu huma Philippus, Michael u Joseph), twieled fl-1886. Warajh kien hemm wild li miet mat-twelid fl-1888, Amabile li twieled fl-1893 u fl-aħħar Giuseppe.

Qabel ma żżewweġ Juann, ħuh Ġużeppi emigra lejn l-Amerka u meta reġa’ lura Malta, skont bint Juann Mamo, Saturnina, għamel żmien jgħix magħhom, sakemm miet missierhom fl-1941. Wara Ġużeppi mar joqgħod Ħal Luqa u żżewweġ. Jidher li omm Saturnina u Dolfu (jew aħjar Delphin Satiro) kienet teħodhom iżuruh kull tant żmien, iżda eventwalment ma baqgħux (Grima, L-Amerka ta’ Mamo, prog. 5). Ħuh Mabbli, li għex dejjem Ħal Luqa, kien tenur it-Teatru Rjal u skont Saturnina, Juann Mamo kien iħobb imur jisimgħu jkanta.

Juann Mamo mar l-iskola elementari ta’ Ħal Luqa fejn tgħallem jikteb u jaqra. Skont Saturnina, la Mabbli u lanqas Ġużeppi ma kellhom tfal. Jidher li Mabbli ried irabbi lil ħuha Ariele iżda ommha Karmena ma riditx għax lilha kienet rabbietha l-parrina u ma riditx li binha jgħaddi mill-istess esperjenza. Saturnina u Dolfu jgħidu li qatt ma semgħu biż-żewġt ibniet li kienu ħut Juann Mamo l-kbar, u lill-ġenituri ta’ missierhom qajla kienu jafuhom. “Bilkemm naf lil missieri!” tgħid Saturnina Viviana Tonna.

Il-familja Mamo, magħrufa bħala “Ta’ Klawdju,” kienet toqgħod fid-dar 64 Triq Brittanika (illum Triq Pawlu Magri). Missieru kien bidwi u bennej, u lil ibnu kien jibagħtu jindokra t-tin u t-tin imqaddet, iżda Juann kien jagħtih lin-nies biex jeħles minnu u jintasab jistudja. Meta kellu tlettax-il sena jidher li seħħ inċident li fih Juann Mamo tilef id-dawl f’għajnu l-leminija u meta bosta snin wara mar Londra, għamel għajn tal-ħġieġ.

Jidher li Pawlu, missier Juan, ma kienx imur tajjeb mat-tieni mara ta’ missieru Gio Maria, u meta dan tal-aħħar miet ħallieha użufruttarja. Skont Galea nibtet għira f’Pawlu lejn din il-mara li wasslet biex bejn is-6 u s-7 ta’ Lulju, 1899, Pawlu, li kien għaddej minn żmien diffiċli u kellu wkoll xi djun, ħabat għal din il-mara ta’ 77 sena li mietet minħabba l-ġrieħi li ġarrbet. Jidher li Pawlu ġarr il-ġisem lejn il-qasam magħruf bħala ta’ Wied il-Knejjes, fit-tarf ta’ Ħal Luqa. Għalhekk ta’ tlettax-il sena, Juann Mamo ra lil missieru jinqafel il-ħabs għal għomru u deskritt bħala “life convict” f’dokument dwar ibnu Juann li jirriproduċi Galea fil-bijografija tiegħu (43).

Fl-1906, ta’ dsatax-il sena, Juann spiċċa l-ħabs ukoll. Skont Galea, minkejja li kien jidħol għal kull tip ta’ xogħol, fosthom dak ta’ lavrant fix-xogħol tal-ġebel, Juann kien ilu minn Ottubru 1905 ma jagħmel ġimgħa xogħol biex jgħin lilu nnifsu u lil familtu. Jidher li minħabba għira, f’xi l-ħamsa ta’ filgħodu tat-28 ta’ Marzu, 1906, qabel ma sebaħ, Juann spara żewġ tiri lejn Felice (jew Felix) Brincat li kien għadu kemm ħareġ mid-dar biex imur ix-xogħol, iħott u jġorr il-faħam. L-ewwel tir laqat il-ħajt waqt li t-tieni ma laqatx lil Brincat għax dan irnexxielu jitbaxxa biex jiżgiċċa l-periklu. Juann ħarab minn fuq il-post iżda ftit wara ġie arrestat mill-pulizija ta’ Ħal Qormi.

Is-sentenza għal attentat ta’ qtil bħal dan kienet tvarja bejn sitta u għoxrin sena ħabs. Tlieta u erbgħin persuna taw ix-xhieda tagħhom f’dan il-każ li tlettax minnhom issejħu mill-avukat tal-akkużat. Il-ġuri beda fl-4 ta’ Settembru, 1906, u fl-aħħar jum tiegħu, fil-15 ta’ Ottubru tal-istess sena, Gio. Batta Mamo, b’verdett unanimu, instab ħati ta’ “attempted wilful murder” u weħel għoxrin sena ħabs b’xogħol iebes, il-piena massima, u kellu jinħeles fl-14 ta’ Ottubru 1926 (Galea, Juan Mamo 43). Dan kien ifisser li kellu jaħdem fil-ġebel fl-ewwel 28 jum tiegħu l-ħabs u mbagħad jingħata x-xogħol tal-basktijiet tal-qasab, jew jaħdem it-twapet jew inkella jagħmel xogħol ta’ mastrudaxxa.

Omm Juann Marianna xehdet li dakinhar tal-attentat, binha ma kienx ħareġ mid-dar u baqgħet tinsisti li kien innoċenti. Fl-1908 kitbet iktar minn darba lill-Gvernatur fuq hekk. F’Ġunju tal-1911 Marianna, li ma kinitx taf tikteb u taqra, talbet lill-Gvernatur biex jeħles lil binha minħabba l-kondotta tajba tiegħu fil-ħabs u fl-okkażjoni tal-inkoronazzjoni tar-Re Ġorġ V tal-Gran Brittanja. Għamlet ukoll talba biex żewġha jingħata l-maħfra. Fl-istess jiem ħu Juann Amabile kiteb lill-Gvernatur biex jgħidlu li lejn l-aħħar tal-1909, Juann kien kitiblu biex jgħidlu li kien ingħata sentenza ħarxa ħafna u li s-Supretendent tal-Ħabs kien qallu li jekk l-imġiba tiegħu fil-ħabs matul l-ewwel erba’ snin u nofs tkun tajba jingħata l-maħfra. F’Novembru tal-1912 Juann kiteb lill-Gvernatur u talbu biex juri ħniena miegħu, ladarba kien diġà għamel sitt snin il-ħabs u kellu kondotta tajba. Il-pulizija ddikjarat li jekk jinħeles ma jkun ta’ ebda periklu għall-persuni mdaħħla fil-każ tiegħu, għax Felice kien telaq lil martu u mar ibaħħar u kemm kien ilu barra żar Malta darba biss. Martu, kif jgħid Galea, kienet qed tgħix ma’ ħuha u bejn il-familji Mamo u Brincat, ma kienx hemm inkwiet. Juann Mamo skonta sitt snin u xahrejn mill-piena tiegħu għax fil-11 ta’ Diċembru, 1912, ftit wara li għalaq 26 sena, inħeles mill-ħabs wara li ngħata l-maħfra, “Released by pardon,” mill-Gvernatur (44-45).

Ftit xhur wara li kiseb il-libertà mill-ġdid, jiġifieri fl-ewwel xhur tal-1913, “Mamo Gio: Batta (ta’ Hal Luka)” ippubblika l-ewwel xogħol tiegħu (Malta 1913), ktejjeb ta’ 12-il paġna bil-poeżija Bichja ta’ Xebba Imdahhla fiz-Zmien (Ghazba) fuq l’Imghoddi Zmienha u fuq il Hotbiet Li Geuha u Irrifiutathom. Dan il-ktejjeb kien “miktub u mahdum” mill-awtur u għal Galea dan ifisser li ssettjah u stampah Mamo stess (50-51). Jidher kemm minn din il-poeżija kif ukoll minn artiklu tal-1913 li jirreferi għalih Galea (58) li wara li ħareġ mill-ħabs kien qed joqgħod “Casal Paula.” Saturnina tgħid ukoll li żmien wara, meta żżewweġ, Juann Mamo u martu għamlu tliet xhur joqogħdu Raħal Ġdid qabel ma marru joqogħdu l-Marsa għand parrinitha. Fl-istess sena ħareġ żewġ kotba żgħar b’poeżija. Wieħed minnhom, stampat fit-Tipografia Ellul u Tabone ta’ Strada Stretta, Valletta, u ffirmat bl-inizjali J. M., kif ffirma xi xogħlijiet oħrajn wara, kien il-“poezija-ciajta” Iz-Zija u il Fatat (x’uiehed rat chemm hu icreh). It-tielet ktejjeb ta’ poeżiji li ħareġ fl-istess sena kien Il-Ghannej Kormi u il Ghannej Zeituni. Meta morna tal Mellieha li ħareġ minn Stamperia Mifsud ta’ Strada Sant’Ursola 64, Valletta, fejn kienu jistampaw Il Bandiera tal Maltin ta’ Manwel Dimech.

Juann Mamo telaq minn Malta f’Awwissu tal-1913 u wasal il-Kajr fis-26 tax-xahar. Lejn l-aħħar ta’ Settembru kiteb ittra mill-Kajr lil Manwel Dimech li ppubblikaha bi prominenza f’Il-Bandiera tal-Maltin. Fin-nota tiegħu, l-editur ikkummenta li ħafna kienu qegħdin jiktbu mill-Eġittu u ddeskriva lil “Gianbatist Mamo” bħala “wieħed mill-aħjar kittieba Maltin, u poeta wkoll” (Galea, Juan Mamo 59). Fl-ittra Mamo kiteb, fost l-oħrajn, li “Jien għax-Xirka qisni appostlu fil-Kajr” (61).

Eventwalment mar Lixandra u fl-1 ta’ Settembru, 1916, daħal jaħdem bħala skrivan u supervisor fil-fabbrika The Hansell Company li kellu sehem minnha Philip Cassar Torreggiani, u baqa’ jaħdem hemm sat-23 ta’ Awwissu tal-1917; nafu wkoll li għamel l-istess tip ta’ xogħol fil-fabbrika Savonnerie Nicolas Aniliadis. Imbagħad ħadem ta’ skrivan, jieħu ħsieb ir-reġistri fil-Kamp tal-Priġunieri tal-Gwerra ta’ Sidi Bishr fejn kien qed jinżamm Manwel Dimech għax fl-aħħar ta’ Frar tal-1921, il-Kmandant ta’ dan il-Kamp f’Lixandra kiteb li kien ilu jaf lil Mamo kważi 12-il xahar (Il-Berqa, 29 ta’ Marzu, 1933). Fl-1920 kien qed jgħix f’El-Labban, wieħed mill-ifqar distretti tal-belt ta’ Lixandra fejn kienu jgħixu għadd ta’ prostituti, drogati u alkoħoliċi. Minn hawnhekk, Mamo kien imur iżur lil Manwel Dimech fil-kamp ta’ konċentrament fejn kien miżmum, aktarx kull l-aħħar ġimgħa tax-xahar (Montebello 521).

Wara l-mewt ta’ Manwel Dimech fl-1921, Juann Mamo għażel, skont il-bijografu tiegħu, li ma jintrabat ma’ ebda karru politiku, iżda baqa’ dejjem “xellugi” u jikteb fuq il-jeddijiet tal-ħaddiema u l-fqar. Minn naħa, f’waħda mill-kitbiet tiegħu jħeġġeġ lill-ħaddiema biex jimxu wara l-Partit tal-Ħaddiema, u min-naħa l-oħra jfaħħar it-tmexxija ta’ Gerald Strickland. Imnebbaħ aktarx minn Dimech, waħda mit-temi ewlenin, jekk mhux it-tema ewlenija tal-kitba ta’ Mamo hija l-ġlieda tad-dawl kontra d-dlam. Galea jiddefinixxi d-dawl li jitkellem fuqu bħala “l-għerf, it-tagħlim u l-edukazzjoni,” dawl “nieqes mill-fanatiżmu u d-diskors tal-pappagall,” filwaqt li d-dlam huwa l-injoranza li żammew fiha lill-poplu l-membri pprivleġġjati tas-soċjetà Maltija, poplu nieqes mit-tagħlim u għalhekk imbiegħed mill-iżviluppi li kienu qed iseħħu fid-dinja kollha (65).

F’April tal-1922 Mamo siefer għall-ewwel darba lejn l-Ewropa, l-art li tant kien jammira. Minn Malta salpa lejn Ruma, vjaġġ li kien idum jumejn jew ftit aktar, u minn hemm mar Modena. Mill-Italja, imbagħad, mar Pariġi, qasam minn Calais għal Dover, u minn hemm ivvjaġġa lejn Southampton u wara lejn Londra (Galea, Juan Mamo 124). F’artiklu li kiteb minn Ruma fit-12 ta’ April fisser l-eċitament tiegħu meta ra mhux biss il-ġmiel tal-belt iżda ħassu “ħiereġ mill-għalqa tad-dlam” u dieħel “fil-misraħ tad-dawl mgħammar bil-bnedmin” (“Bla Telf ta’ Żmien Ja Poplu Malti,” Il-Ħmar, 22 ta’ April 1922). F’ittra lill-Maltin tal-Amerika miktuba Londra f’Ġunju tal-1922 li dehret f’Il Malti American fid-29 ta’ Lulju, “Imsejkna Art Twelidkom, Malta!” Mamo jilmenta li minkejja li l-poplu tella’ għadd ta’ deputati fl-Assemblea Leġiżlattiva fl-1921, il-Gżejjer Maltin ftit li xejn imxew ’il quddiem għax id-deputati ma kienu xejn għajr “a gang of scoundrels” u kien iktar moħħhom fl-interessi tagħhom milli fit-tbatijiet tal-poplu. Mamo reġa’ lura Malta fuq il-vapur S. S. Beeton fis-17 ta’ Awwissu, 1922 (Il-Ħmar, 30 ta’ Awwissu, 1922).

Skont Francis Galea (141-2), Mamo u martu kellhom sebat itfal. L-ewwel wild li kellhom kien Melitone Claudio li twieled fl-1925. Fl-1927 twieled Ivone Amerigo, li miet ta’ seba’ xhur; sentejn wara twieled Saturnino Bramande, u fit-3 ta’ Ġunju tal-1930 twieled Ariele Kwintinu. Fl-14 ta’ Settembru tal-1933 twieldet l-ewwel bint, Maria Anna, u warajha twieldet Saturnina Viviana fil-21 ta’ April, 1935. Delphin Satiro, iż-żgħir tal-familja, twieled fil-11 ta’ Diċembru, 1938. Fit-8 ta’ Ġunju, 1936, Juann Mamo kiteb ittra imqanqla lill-gazzetta Il-Berqa (li dehret fis-17 ta’ Ġunju, 1936) biex jirrakkonta esperjenza kerha li għaddew minnha hu u l-familja tiegħu ftit jiem qabel meta kienet qed tmut bintu Saturnina ta’ sena. Mamo jirreferi għall-imwiet ta’ wliedu għadhom trabi, “il-kalvarju tas-soltu,” meta fl-ittra jgħid li qabel ma t-Tabib Sacco fejjaq lil bintu bl-użu ta’ magna tar-raġġi li kien għadu kemm ġab minn barra, “kont wieħed mill-imsallbin bil-mard ma jistax ikolli tarbija li malli tasal is-sena jew sena u nofs araha jaqbduha l-bili tas-snien, tinfirxilha l-pulmunite, u għad illi nagħmel kull ma bniedem jista’ jagħmel, kollu għal ta’ xejn: tinbaram, jiġifieri tmut” (“Għall-Ġid tal-Poplu,”Il-Berqa, 17 ta’ Ġunju, 1936).

Minn fost it-tliet aħwa li baqgħu ħajjin, Juann Mamo kien l-uniku wieħed li kellu t-tfal; u minn fost l-ulied tal-koppja Mamo, baqgħu ħajjin tlieta. Ariele Quintino, l-ikbar fosthom, li skont Anton Cassar kien membru fil-Kumitat Laburista tal-Marsa, miet bil-kanċer fl-1978 u ma kellux tfal. Saturnina Viviana, it-tmien wild, kellha ħames snin meta miet missierha f’April tal-1941. Delphin Satiro, li ndarab fit-Tieni Gwerra meta ntaqat mill-blast ta’ bomba, u huwa soċju tal-Mużew, ħadem għal snin twal it-Tarzna, sakemm kellu 56 sena. Meta miet missierhom, Ariel kellu 11-il sena waqt li Dolfu kellu sena u nofs. Ħadd minn ulied Mamo ma kellu t-tfal.

Fl-ewwel edizzjoni tar-rumanz straordinarju tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, li kien ħareġ faxxikli bejn Frar tal-1930 u Ottubru tal-1931, Juann Mamo ppubblika għadd ta’ kummenti li kien irċieva dwar ir-rumanz mingħand qarrejja minn oqsma differenti tal-ħajja Maltija li kienu lkoll, però, nies ta’ skola: tant hu hekk li meta reġa’ beda jqassam il-faxxikli meta reġa’ lura mill-mawra tiegħu f’Londra fi tmiem l-1930, stqarr, jew forsi ried jiftaħar, li “s-soċi tan-Nanna Venut kważi kollha professjonisti” (“Fanatku llawrijat,” Il-Ħmara, 27 ta’ Diċembru, 1930), u hemm ħjiel ta’ dan is-sodisfazzjon tiegħu fid-deskrizzjonijiet tal-professjoni tal-qarrejja tiegħu fil-lista li jagħti fl-aħħar faxxiklu tar-rumanz.

Fis-17 ta’ Settembru, 1930, wara l-mewt ta’ ibnu Meliton, Mamo siefer għat-tieni darba lejn l-Ewropa, u fi triqtu niżel l-art f’Tunes u għamel ftit sigħat idur din il-belt. Minn hemm tela’ fuq vapur ikbar u fl-20 ta’ Settembru wasal Marsilja, dar ftit dik il-belt ukoll, u tard fl-istess qabad il-ferrovija lejn Pariġi (Galea, Juan Mamo 208). Ftit sigħat wara telaq lejn l-Ingilterra: id-destinazzjoni tiegħu kienet Londra. Galea jissuspetta li waħda mir-raġunijiet għala Mamo mar Londra kienet biex jibda xi tip ta’ negozju u fil-fatt, ftit wara li reġa’ lura Malta, f’Il-Ħmara tas-7 ta’ Jannar, 1931 ħabbar li bħala aġent waħdieni ta’ Messrs. Axon & Harrison Ltd. kien qed joffri s-servizz ta’ xiri, minn fuq katalgi apposta, ta’ “Letters and Figures Transfers,” stampi bil-kulur li setgħu jitwaħħlu fuq lożor, investi, u għamara tal-injam, u ittri fuq tabelli, figuri kuluriti ta’ kull għamla, ħwejjeġ bħal lożor u tvalji, injam, ħitan, karti, ġild, ħġieġ, u ċaqquf. Dawn l-ittri jew “pitturi” setgħu jintużaw ukoll biex isiru tabelli tal-ħwienet.

Meta reġa’ lura Malta, kif jħabbar fil-ħarġa tas-27 ta’ Diċembru ta’ Il Ħmara, Juann Mamo reġgħu bdew jitqassmu l-faxxikli tar-rumanz Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka.

Fl-ewwel edizzjoni tar-rumanz straordinarju tiegħu Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, li kien ħareġ faxxikli bejn Frar tal-1930 u Ottubru tal-1931, Juann Mamo ppubblika għadd ta’ kummenti li kien irċieva dwar ir-rumanz mingħand qarrejja minn oqsma differenti tal-ħajja Maltija li kienu lkoll, però, nies ta’ skola: tant hu hekk li meta reġa’ beda jqassam il-faxxikli meta reġa’ lura mill-mawra tiegħu f’Londra fi tmiem l-1930, stqarr, jew forsi ried jiftaħar, li “s-soċi tan-Nanna Venut kważi kollha professjonisti” (“Fanatku llawrijat,” Il-Ħmara, 27 ta’ Diċembru, 1930), u hemm ħjiel ta’ dan is-sodisfazzjon tiegħu fid-deskrizzjonijiet tal-professjoni tal-qarrejja tiegħu fil-lista li jagħti fl-aħħar faxxiklu tar-rumanz.

Fuq il-qoxra tal-ktieb tiegħu tal-1934, Ġabra ta’ Sigrieti, “Ta’ Xebh is-Sħarijiet, ta’ Misteri, ta’ Kurżità, ta’ Arti u Industrija, u Riċetti-Formuli tal-Akbar Ħtieġa,” stampat Tas-Sliema f’The New Art Press, Mamo kiteb hekk: “Jekk twaddab ’il dal-ktieb fil-qoffa tal-imbarazz, allura aqbad dil-qoffa b’kollox u mur qegħedha l-Bank.” Fost is-sħarijiet jew sigrieti li jsemmi hemm kif tista’ ddaħħal subgħajk fl-ilma bla ma jixxarrbu billi tiksihom biż-“żerriegħa tal-likopodju” (15) u “Kif tagħmel ċurkett jiżfen” billi tuża l-merkurju (“arġentuvivu”) u t-tafal u ssaħħnu (29), imma l-ktieb fih ukoll għadd ta’ “Riċetti Meħteġin” (64) b’taħlita ta’ rimedji mediċi u xjentifiċi, ngħidu aħna, dwar “Kif Tikseb Ilma Distillat” (65) jew “Sigriet li bih taqta’ t-tipjip u x-xorb” (66).

Ftit snin wara, fl-1939, il-ktieb bil-Malti ta’ Juann Mamo, Obstetricia Illustrata, maħsub biex jgħallem lill-poplu dwar it-tqala u l-ħlas, kellu jxellef difru mal-Knisja minħabba s-suġġett tal-ktieb u t-tpinġijiet tal-ġisem tal-mara li kien fih. L-awtur kien antiċipa u pprova jilqa’ għal dawn d-diffikultajiet u stqarr li “l-fehma ta’ min għaqqad dan il-Ktieb-Werrej hi biss għall-ġid u le għad-deni.” Żmien sew wara l-mewt ta’ Mamo, il-Kappillan tal-Marsa, Patri Feliċjan Bilocca kien avviċina lill-mara tal-awtur u qalilha biex taħraq il-kopji tal-ktieb li kellha. Fortunatament, m’obditux.

Fit-28 ta’ April 1941, għall-ħabta tal-ħdax nieqsa kwart ta’ filgħodu, Juann Mamo nstab mejjet b’“ħasda minn kustilji miksura” fuq il-blat magħruf bħala l-Munqar, ħdejn Wied Babu, fit-tarf taż-Żurrieq. Din is-sejba saret wara li kienu ilhom ifittxuh, għax naqas mid-dar, għal madwar sebat ijiem. Skont ibnu Ariele, wara li saritlu l-awtopsja, ingħatatlu difna regolari ta’ Kattoliku fiċ-Ċimiteru tal-Addolorata.

 


 

Advertisements